












|
L-Istorja ta' San
Gwann
miktuba minn Tony C.
Cutajar
English version
Il-biċċa l-kbira
mil-lokalità ta’ San Ġwann fiha
bini relattivament modern għax anke l-parroċċa ilha mwaqqfa biss
mill-1965.
Iżda l-fdalijiet arkaeoloġiċi li jeżistu
f’dawn in-naħat juru li San Ġwann għandu storja antika li hi magħġuna
sew
fl-istorja nazzjonali ta’ Malta.
L-iktar fdalijiet antiki fil-lokalità huma
r-raded tal-karrettuni li qegħdin fi Triq il-Mensija, qrib iż-żona ta’
Sant’
Andrija. L-oriġini ta’ dawn ir-raded, li jinsabu wkoll f’naħat
differenti ta’ Malta, mhuwiex magħruf iżda jmorru lura żgur
sa qabel il-Perjodu Puniku. Huwa maħsub li għandhom minn Żmien il-Bronż (2300-1000 Qabel
Kristu). L-użu tagħhom ukoll mhuwiex magħruf iżda minn dejjem kienu maħsuba bħala mezz ta’
trasport. Il-preżenza ta’ dawn ir-raded tal-karrettuni turi li f’dawn
in-naħat
għandu mnejn li kienet tgħammar komunità ta’ bdiewa li kienu
jagħmlu użu
tal-widien fertili ta’ Wied Għomor, Wied il-Ballut u Wied Għollieqa.
Dawn
il-bdiewa setgħu kienu joqogħdu f’għerien bħal dawk li sa ftit ilu kien
hemm
wara s-Santwarju f’Tal-Mensija. Ġo
Wied Għomor jinsabu ġebel
megalitiċi simili għal
dawk li kienu jintużaw fi żmien
neolitiku.
Gebel ta' stil
megalitiku f'Wied Ghomor
Din il-komunità ta’ bdiewa kompliet teżisti
f’dawn in-naħat fis-sekli ta’ wara. Fost il-fdalijiet Rumani li nstabu
hawnhekk
kien hemm oqbra u ċisterni mgħottija li juru attività ħajja.
L-iktar fdalijiet
arkaeoloġiċi magħrufa huma dawk tat-Torri Ruman f’Ta’ Ċieda. Dan huwa
wieħed minn serje ta’ tmien torrijiet ta’
difiża li nbnew madwar Malta f’xi żmien tas-seklu 3 Wara Kristu.
Dan it-torri jkompli juri l-attività umana fir-reġjun minħabba
l-fatt li kien
jintuża bħala ċimiterju fil-perjodu Għarbi.
Il-konnessjoni
Għarbija f’dawn in-naħat tidher
ukoll fl-ismijiet semitiċi li għadhom jeżistu f’dokumenti notarili ta’
żminijiet medjevali. Fost dawn l-ismijiet insibu dawk Tal-Għargħar u
l-Imsieraħ. L-ewwel isem juri li din il-lokalità kienet miżgħuda
bis-siġar ta’
l-għargħar fil-perjodu Għarbi u li kienu spiss jinqatgħu biex jintużaw
għall-injam.
L-Imsieraħ kien ifisser spazji miftuħa li kienu komuni f’naħat għoljin
bħal ma
hu San Ġwann. Huwa maħsub li fil-perjodu medjevali hawn kienu jabitaw
mill-inqas żewġ komunitajiet f’Raħal Tigan (qrib Wied Għollieqa) u
Raħal Ġer
(qrib ix-Xwieki, bejn Ta’ l-Għargħar u n-Naxxar).
Ismijiet semitiċi oħra msemmija f’dokumenti
notarili ta’ żminijiet medjevali huma t-tliet widien imsemmija fuq kif
ukoll
il-Kappara, Ħabel il-Għasfur, il-Ħirba ta’ l-Imnajdar, ta’ Għarnuqa,
l-Andar
ta’ Żerqa, tal-Berbri, ta’ Ġulbien, tal-Għul, tad-Dwiemes, Ħabel
il-Ħofor,
il-Ħofra tad-Demus, il-Ħrejba ta’ Bajdun, tal-Milfuq, tan-Nigem, Bir
Werċ,
tal-Minfes, ta’ Xmiexi, u oħrajn.
Fil-perjodu
medjevali fir-reġjun ta’ l-Għargħar
kienet teżisti l-knisja parrokkjali ta’ Santa Liena qrib it-Torri Ta’
Ċieda.
Din il-knisja ġiet abbandunata fis-seklu 14 u l-fdalijiet tagħha huma
msemmija
fir-rapport tal-Viżitatur Apostoliku Mons. Petrus Dusina fl-1575. Dusina kiteb
“Sanctae
Helenae – Visitavit aliam Ecclesiam ruralem sub vocabulo Sanctae
Helenae
constructam in pertinentia Bircalcariae in contrata nuncupata Arar,
quae alias
dicitur fuisse parrochialis Ecclesia, habet altare, caret rectore,
introitibus,
portis ligneis, et omnibus alijs necessarijs ex devotione Michael
Borgiu in
eadem die festivitatis celebrare facit missam tantum, non celebretur
amplius,
nisi postquam fuerint factae portae ligneae.” F’dan
ir-rapport insibu wkoll referenzi għal knejjes oħra fin-naħat ta’
l-Għargħar
u dawn kienu
ddedikati lil Santa Margerita, Sant’ Andrija, San Bartilmew u San Leonardu. Din l-aħħar kappella, li tinsab
fil-Mensija, illum hija magħrufa bħala l-kappella tal-Lunzjata u hija
assoċjata
ma’ leġġenda medjevali ferm popolari. F’dan il-perjodu
l-lokalità kienet taqa’
taħt il-ġurisdizzjoni tal-parroċċa ta’ Birkirkara.
Wara li l-gżejjer Maltin ġew f’idejn l-Ordni
ta’ San Ġwann fl-1530 u speċjalment wara l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565
kien hawn
iżjed sigurtà kontra l-attakki spissi tat-Torok li kienu jġibu
ħerba sħiħa fost
dawk li kienu jgħammru fin-naħat ta’ l-Għargħar. Dan wassal biex kibret
il-popolazzjoni fil-lokalità, kif jidher mit-twaqqif ta’
kappelli oħra bħal
dawk ta’ San Ġwann ta’ l-Għargħar (ċ.1646) u dik iddedikata lil San
Filippu u
San Ġakbu (ċ.1730). Bini
ieħor li tela’ fi żmien il-Kavallieri kien ir-razzett magħruf bħala
t-Torri
Lanzun (ċ.1713).
L-għolja
ta’ l-Għargħar li tħares fuq il-Port il-Kbir ma
damitx ma saret post
strateġiku ta’ għassa għas-suldati Maltin li kien qed jimblokkaw
it-truppi
Franċiżi fil-Belt Valletta fl-1798-1800. Ir-razzett ta’ Xindi, fi Triq
San
Ġiljan, sar il-kwartier ġenerali tal-kaptan magħruf Vinċenzo Borg
imlaqqam
Brared. Il-battaljun tiegħu kien magħmul minn madwar 568 suldat minn
Birkirkara
u l-Mosta. F’azzjoni militari fit-2 ta’ Settembru 1798, huma ħadu taħt
idejhom
żewġ kanuni ta’ 18-il libbra li wieħed minnhom intuża biex isaħħaħ
l-għassa
fil-Kappara.
Il-kwiet fil-pajjiż fis-seklu 19 għen biex tikber
il-popolazzjoni fil-lokalità
ta’ l-Għargħar. Il-gvern kolonjali Ingliż ħaseb biex iwaqqaf il-Korp
ta’ Difiża
Ċivili u jibni mitħna tad-dqiq taħt l-art fl-1950 f’dawn in-naħat anke
jekk
hawnhekk ftit li xejn inħass ir-riżultat tat-Tieni Gwerra Dinjija. Din
il-mitħna
kienet waħda minn tmienja li nbnew f’Malta u Għawdex biex jilqgħu
kontra xi
attakk nukleari u biex tkun żgurata provvista adegwata ta’ dqiq
fil-pajjiż.
Fil-ħamsinijiet bdiet paġna ġdida fl-istorja
tal-lokalità bil-wasla
tal-Patrijiet Kapuċċini li ħadu ħsieb jibnu kunvent u knisja ġdida
ddedikata
lill-Madonna ta’ Lourdes. Din infetħet għall-pubbliku fl-1959 u saret
parroċċa
fl-1965. Fl-1970 il-Kumitat Ċiviku talab biex dan il-lokal li kien beda
jissejjaħ l-Imsieraħ isir magħruf bħala San Ġwann mill-kappella antika
ta’ San
Ġwann ta’ l-Għargħar li kienet taqdi l-ħtiġijiet tar-residenti qabel
inbniet
il-knisja parrokkjali.
Tqieghed ta' l-ewwel gebla
tal-knisja tal-Madonna ta' Lourdes
L-Att tal-Kunsilli Lokali ta’ l-1993 identifika lil
San
Ġwann bħala distrett
separat bl-awtorità statutorja ta’ gvern lokali. L-ewwel Kunsill
ta’ San Ġwann
ġie elett fis-16 ta’ April 1994 bis-Sur Antoine Cesareo bħala l-ewwel
Sindku.
L-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali jsiru kull tliet snin.
|