Ir-Raded tal-Karrettuni f'San Gwann
mikruba minn Tony C. Cutajar
English version
Ir-raded tal-karrettuni fl-inħawi tal-Mensija issemmew għall-ewwel darba fl-1934 minn E.B. Vella li ddeskrivihom bħala sistema estensiva ta’ raded b’tul ta’ xi 152 metru u b’wisa’ ta’ madwar 1.4 metru. Dawn ir-raded tal-karrettuni jinstabu f’ħafna naħat tal-gżejjer Maltin u jingħarfu għax huma kanali dritti u paralleli maqtugħa fil-blat. Dawn il-kanali qegħdin bħala pari jew f’numru ikbar bħal dawk f’Tal-Mensija. Id-distanza bejn il-kanali tista’ tvarja iżda l-wisa’ medja hija ta’ 1.4 metru min-nofs san-nofs ta’ kull kanal. Il-kanali għandhom forma ta’ U jew V b’fond medju ta’ bejn 8 u 15-il ċentimetru. Kien hemm każijiet rari ta’ fond ta’ 60 ċentimetru. Jista’ jkun li dawn il-kanali ġew imħaffra apposta fil-blat u komplew jitħaffru bl-użu kontinwu ta’ mezzi ta’ trasport.

 

F’dawn l-aħħar tmenin sena l-misteru dwar dawn ir-raded qanqal l-immaġinazzjoni ta’ ħafna u qajjem l-interess ta’ arkeoloġisti u studjużi kemm minn barra kif ukoll minn Malta. Sfortunatament qatt ma kien hemm studju serju li wassal għal xi soluzzjoni dwar il-funzjoni oriġinali ta’ dawn il-kanali. It-teoriji l-iktar possibbli huma assoċjati ma’ xi forma ta’ sistema ta’ trasport tal-karrettuni fi Żmien il-Bronż. Però, ma jidhirx li dawn il-kanali setgħu saru b’xi trasport bir-roti. Iktar jista’ jagħti l-każ (a) li kienet tintuża xi forma ta’ trasport li jiżżerżaq f’dawn il-kanali dojoq u fondi bħal ma jiġri fil-ferroviji u t-trammijiet, jew (b) li dawn il-kanali saru mill-użu kontinwu tagħhom milli ġew imħaffra. Dan it-trasport li jiżżerżaq sata’ kien jintuża biex jinġarru l-ħamrija, l-ilma jew blokki tal-ġebel, speċjalment għax dawn ir-raded spiss ikunu assoċjati mal-barrieri.

It-teorija tat-trasport tidħol hawn minħabba l-ġarr li kien isir ta’ megaliti jew tagħbija tqila oħra minn post għall-ieħor. Per eżempju, fil-każ ta’ l-Eġittu ta’ l-antik, hemm provi li t-trasport ma kienx isir permezz tar-roti iżda permezz ta’ slitti, skond I.E.S. Edwards (The Pyramids of Egypt, Penguin Books, 1991 revised edition). “It-trasport fuq l-art kien probabilment isir bl-istess metodu, sew jekk it-tagħbija kienet ta’ 200 tunnellata sew jekk ta’ żewġ tunnellati. U n-numru ta’ dawk li jiġbdu t-tagħbija kien jiddependi mit-toqol. X’kien dan il-metodu? Il-blokki tal-ġebel probabilment kienu jintrefgħu fuq slitta permezz ta’ lieva direttament mill-art jew bl-użu ta’ rampa baxxa magħmula mill-ġebel. Is-slitta u l-blokka kienu jintrabtu bil-ħbula u jerġgħu jintrefgħu bil-lieva ħalli jitpoġġew rombli tal-ġebel taħthom. L-art kienet tixxarrab bl-ilma jew xi likwidu ieħor biex jitnaqqas l-għerik u l-ġarr isir iktar faċli. Is-slitta mgħobbija mbagħad tiġi miġbuda mill-ħbula tas-slitta fuq art miksija bi travi ħoxnin ta’ l-injam. Għalkemm ir-roti kienu bdew jintużaw mill-inqas minn xi l-2400 Qabel Kristu, graffiti fl-oqbra ta’ madwar elf sena wara juru li statwi u blokki tqal tal-ġebel ma kinux jinġarru permezz ta’ trasport bir-roti. Kienu jintużaw is-slitti, metodu li ntuża wkoll fil-bini tal-piramidi.
 



Għalkemm m’għandna l-ebda prova ta’ kif kienet tinġarr tagħbija tqila f’pajjiżna, jista’ jkun li kienet tintuża l-istess sistema tas-slitta fil-bini tat-tempji preistoriċi. Ċertament li kienet sistema aħjar minn dik tal-karrettuni jew apparat li jiżżerżaq fil-kanali. Diffiċli tifhem kif dak it-toqol kollu sata’ jinġarr lejn xi għolja jew f’xi niżla u f’dawriet qosra fuq apparat ta’ l-injam. U dan żgur ma kienx possibbli f’raded li d-distanza fl-istess par raded ivarja anke b’10 ċentimetri. Safrattant wara seklu ta’ studju ħadd għadu ma ħareġ b’soluzzjoni kredibbli.
 

Dr David Trump jaqbel li dawn ir-raded huma preistoriċi  u ġejjin minn Żmien il-Bronż (ċ. 1500 Qabel Kristu) minħabba l-konnessjoni tagħhom mal-kolonizzazzjoni ta’ Żmien il-Bronż. Huwa jikkonkludi li huma għadhom għal kollox misteru. Min-naħa l-oħra Dr Louis Vella għandu teorija li l-metodu tal-barrieri ntużat mill-bennejja tal-piramidi fl-Eġittu jgħinna biex nifhmu xi ftit dan il-misteru. Il-ġebla tal-franka, kemm jekk meħuda mill-wiċċ tal-blat f’Giza jew mill-mini tat-Tura, ma ġabet l-ebda diffikultà serja lill-bennejja tal-piramidi.


Id-distanza medja bejn ir-raded jew il-kanali hija ta’ xi 140 ċentimetri li xi ftit jew wisq tikkorrespondi mal-wisa’ normali tal-ġebla li tkun se tinqata’, filwaqt li l-fond medju ta’ bejn 40 sa 50 ċentimetru jikkorrespondi mal-ħxuna tal-ġebla maqtugħa. Mill-kampjuni meħuda tal-qisien, dawn il-figuri jirrappreżentaw il-qies medju ta’ ġebla megalitika wżata mill-bennejja tat-tempji tagħna, fejn għandhom x’jaqsmu l-wisa’ u l-ħxuna tagħha. Dwar it-tul tagħha, il-qtugħ fil-blat f’angolu rett mal-kanali paralleli kien jiddetermina l-qisien tal-blokka, per eżempju jekk il-forma tagħha tkunx kwadra jew rettangulari.
 

Skond it-teorija ta’ Dr Vella, it-teknika tal-qtugħ tal-ġebla għandha mnejn kienet b’dan il-mod:

  1. Il-wiċċ tal-blat kien imħaffer minn ħaddiema mhux tas-sengħa f’tul konsiderevoli f’formazzjoni parallela, dritta jew imdawra, skond il-forma meħtieġa: kwadra, rettangolari, orizzontali jew forma ta’ ħnejja forsi għas-soqfa;
  2. Il-qtugħ attwali tal-blat fi blokki jew megaliti kien imbagħad isir minn nies tas-sengħa li kienu jqiegħdu feles ta’ l-injam imxarrab fix-xquq taħt il-blata li tkun se tinqata’ fil-livell li jikkorrespondi mal-ħxuna mixtieqa;  
  3. Meta l-feles jespandi, il-blata tinqasam skond ix-xquq naturali f’qatgħat ċatti u dritti (bħal ma hemm f’postijiet bħal Ta’ Ċenċ, f’Għawdex.
  4. Fl-aħħarnett, il-blokka tinqala’ bil-lieva u tinġarr għall-post tal-bini bl-użu tas-slitti li jimxu fuq rombli ta’ l-injam bħall-metodu ta’ l-Eġittu.
Naturalment, l-aħjar prova ta’ dan kollu huma r-raded tal-karrettuni. Dawk f’San Ġwann huma eżempju eċċellenti ta’ barriera iktar reċenti minn dawk li jinsabu f’Ta’ Ċenċ.   


Website design
email us  email